Language 

Our Lady of Medjugorje Messages

Għeżież uliedi, il-Missier ma ħallikomx għal raskom. Bla qjies hija mħabbtu, dik l-imħabba li qegħdha ġġibni għandkom, sabiex ngħinkom issiru tafuh, sabiex permezz ta' Ibni, ilkoll kemm intkom, bil-qalb kollha, tistgħu ssejħulu 'Missier'; sabiex tistgħu tkunu poplu wieħed fil-familja ta' Alla. Madankollu uliedi, tinsewx li intom m' intomx f' din id-dinja għalikom biss u li jien m' iniex insejħilkom hawn għalikom biss. Dawk li jimxu wara Ibni, jaħsbu f' ħuhom fi Kristu bħalhom infuskom stess u ma jafux xi tfisser tiġbed lejk biss. Għalhekk nixtieqkom tkunu d-dawl ta' Ibni. Sabiex għal dawk li għadhom ma għarfux lill-Missier - għal dawk kollha li jimirħu fid-dlam tad-dnub, tad-disperazzjoni, ta' l-uġigħ u li jħossuhom waħedhom - intom tistgħu ddawwlu t-triq u b'ħajjtikom tistgħu turuhom l-imħabba ta' Alla. Jiena magħkom. Jekk tiftħu qlubkom Jiena mmexxikom. Nerġa' nitlobkom: itolbu għar-rgħajja tagħkom. Grazzi.
Għeżież uliedi! Qed inħares lejkom u fi qlubkom m' iniex nara ferħ. Illum nixtieq nagħtikom l-ferħ ta' l-Irxoxt, sabiex Hu jmexxikom u jħaddankom b' imħabbtu u bil-ħlewwa tiegħu. Inħobbkom u qed nitlob bla waqfien għall-konverżjoni tagħkom quddiem Ibni Ġesu'. Grazzi talli smajtu s-sejħa tiegħi.
Għeżież uliedi; Illum ukoll il-qalb materna tiegħi issejħilkom għat-talb, għar-relazzjoni personali tagħkom ma' Alla l-Missier, għall-ferħ tat-talb fiĦ. Alla l-Missier m' huwiex 'l bogħod minnkom u m' huwiex xi ħadd li ma tafuħx. Hu rrivela lilu nnifsu lilkom permezz ta' Ibni u takom il-ħajja, jiġifieri Ibni. Għaldaqstant uliedi iċċedux għat-tentazzjonijiet li jridu jisseparawkom minn Alla l-Missier. Itolbu! Tippruvawx ikollkom familji u soċjetajiet mingħajru. Itolbu! Itolbu sabiex qlubkom ikunu mfawwra bit-tjubija li tiġi biss minn Ibni, li Hu tjubija sinċiera. Il-qlub mimlija bit-tjubija biss jistgħu jifhmu u jilqgħu lil Alla l-Missier. Jien se nkompli mmexxikom. B' mod speċjali nitlobkom sabiex ma tiġġudikawx lir-rgħajja tagħkom. Uliedi qegħdien tinsew li Alla l-Missier sejħilhom? Itolbu! Grazzi.
Mirjana qalet, "Qatt ma għidt xejn qabel, imma intkom konxju ħuti li l-Omm ta' Alla kienet magħna? Kull wieħed għandi jsaqsi lilu nnifsu, 'Jiena jistħoqqli dan?' . Qed ngħid dan għax huwa diffiċli għalija naraha (lill-Madonna) muġugħa, għaliex kull wieħed minna qed ifittex miraklu iżda ma jridx iwettaq miraklu fih."
Għeżież uliedi! Insejħilkom, sabiex dan iż-żmien ikun għalikom ilkoll, żmien ta' xhieda. Intom li tgħixu fl-imħabba ta' Alla u esperjenzajtu d-doni tiegħu, ixhdu għalihom bi kliemkom u ħajjitkom ħalli dawn ikunu għall-hena u għall-inkuraġġiment ta' l-oħrajn fil-fidi. Jiena magħkom u l-ħin kollu ninterċedi għalikom quddiem Alla sabiex il-fidi tagħkom dejjem tkun ħajja, ferrieħa u fl-imħabba ta' Alla. Grazzi talli smajtu s-sejħa tiegħi.
Għeżież uliedi; b' qalbi u ruħi kollha mimlija b' fidi u b' imħabba fil-Missier tas-smewwiet, Jiena tajtkom lil Ibni u qed nerġa' nagħtihulkom mill-ġdid. Ibni wassalkom, nies tad-dinja kollha, sabiex issiru tafu l-uniku veru Alla u mħabbtu. Hu mexxikom fuq it-triq tal-verita' u għamilkom aħwa. Għaldaqstant uliedi titwarrbux, tgħalqux qalbkom għal din il-verita', tama u mħabba. Kollox madwarkom jgħaddi u kollox qed jaqa' biċċiet, il-glorja ta' Alla biss tibqa'. Għalhekk iċħdu kull ma jbiegħdkom mill-Mulej. Aduraw lilu biss, għax Hu biss il-veru Alla. Jiena magħkom u se nibqa' magħkom. Qed nitlob speċjalment għar-rgħajja sabiex ikunu rappreżentanti denji ta' Ibni u jmexxukom b' imħabba fuq it-triq tal-verita'. Grazzi.
Għeżież uliedi! Illum insejħilkom sabiex titolbu u ssumu għall-intenzjonijiet tiegħi għaliex satana jrid jeqred il-pjan tiegħi. Hawn bdejt b' din il-parroċċa u stedint lid-dinja kollha. Ħafna wieġbu iżda hemm numru enormi li ma jridux jisimgħu u jilqgħu s-sejħa tiegħi. Għalhekk intom li għidtu 'iva', ibqgħu b' saħħitkom u sodi. Grazzi talli weġibtu għas-sejħa tiegħi.
Għeżież uliedi, illum nistedinkom sabiex titwieldu mill-ġdid fit-talb, u permezz ta' l-Ispirtu s-Santu ssiru poplu ġdid flimkien ma' Ibni; poplu li jaf li jekk tilef lil Alla, tilef lilu innifsu; poplu li jaf li flimkien ma' Alla, għalkemm qalb tant tbatija u provi, huwa fiż-żgur u salv. Insejħilkom sabiex tinġabru fil-familja ta' Alla u li tissaħħu bil-qawwa tal-Missier. Bħala individwi, uliedi, intom ma tistgħux twaqqfu l-ħażen li jrid jibda jsaltan f' din id-dinja u jeqridha. Iżda skont ir-rieda ta' Alla, ilkoll flimkien, ma' Ibni intom tistgħu tbiddlu kollox u tfejqu lid-dinja. Insejħilkom sabiex titolbu b' qalbkom kollha għar-rgħajja tagħkom għaliex Ibni għażilhom. Grazzi.
Għeżież uliedi! Jalla dan iż-żmien ikun għalikom żmien ta' talb u skiet. Serrħu l-ġisem u r-ruħ tagħkom, jalla jkunu fl-imħabba ta' Alla. Ippermettuli tfal ċkejknin, sabiex immexxikom, iftħu qlubkom lill-Ispirtu s-Santu biex dak kollu li hu tajjeb fikom iwarrad u jagħti l-frott għall-mitt darba. Ibdew u temmu l-jum b' talb bil-qalb. Grazzi talli smajtu s-sejħa tiegħi.
Għeżież uliedi, illum insejħilkom għall-pass iebes u diffiċli, għall-għaqda tagħkom ma' Ibni. Insejħilkom għal stqarrija sħiħa u l-qrara ta' dnubietkom, għall-purifikazzjoni. Qalb mhux safja ma tistgħax tkun ma' Ibni u f' Ibni. Qalb mhux safja ma tisgħax tagħti l-frott ta' l-imħabba u ta' l-għaqda. Qalb mhux safja ma tisgħax twettaq affarijiet korretti u ġusti; m' hijiex eżempju ta' l-isbuħija ta' l-imħabba ta' Alla għal dawk li hemm madwarha u għal dawk li għadhom ma għarfux din l-imħabba. Intom uliedi, qed tinġabru madwari mimlija entużjażmu, xewqat u stennija u jiena bil-ħerqa nitlob lit-twajjeb Missier sabiex permezz ta' l-ispirtu s-Santu, ipoġġi lil Ibni - il-fidi, fil-qalb ippurifikata tagħkom. Uliedi obduni, ejjew terqu miegħi.
Għeżież uliedi, it-talba tiegħi għalikom illum hi biex intom ilkoll tfittxu l-grazzja tal-konverżjoni. Qed tħabbtu fuq il-bieb ta' qalbi, iżda mingħajr tama u talb, u mingħajr is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni ma' Alla. Ħallu d-dnub, tfal ċkejknin, u ddeċidu għall-qdusija. B' dan il-mod biss nista' ngħinkom, nisma' talbkom u ninterċedi għalikom quddiem Alla l-għoli. Grazzi talli weġibtu għas-sejħa tiegħi.
To compare Medjugorje messages with another language versions choose
1 2 3 4 5 6 7 8 9 Next>>

 


Wap Home | Updates  | Medjugorje[EN]  | Messages  | News & Articles[EN]  | Videos[EN]  | Galery[EN]

Powered by www.medjugorje.ws