Language 

Our Lady of Medjugorje Messages

Għeżież uliedi! B' imħabba materna jiena nixtieq niftaħ il-qalb ta' kull wieħed u waħda minnkom u ngħallimkom l-unjoni personali mal-Missier. Biex taċċettaw dan, tridu tifhmu li intom importanti għal Alla u li qed isejħilkom individwalment. Tridu tifhmu li talbkom huwa konverżazzjoni ta' tfajjel ma' Missieru; li l-imħabba hi t-triq li għandkom tterrqu - imħabba lejn Alla u lejn il-proxmu. Din hi, uliedi, l-imħabba li m' għandhiex limiti, din hi l-imħabba li toħroġ mill-verita' u li tibqa' sejra sa' l-aħħar. Imxu warajja wliedi sabiex anke oħrajn, meta jgħarfu il-verita' u l-imħabba fikom, isegwukom. Grazzi.
Għal darb' oħra l-Madonna talbitna nitolbu għar-rgħajja tagħna u qalet: "Għandhom post speċjali f' qalbi. Huma jirrapreżentaw lil Ibni."
Għeżież uliedi! Illum b' mod speċjali nixtieq nistedinkom għall-konverżjoni. Mill-lum jalla tibda ħajja ġdida fi qlubkom. Uliedi, nixtieq nara l-'iva' tagħkom, u jalla ħajjitkom issir għajxien ferrieħi tar-rieda ta' Alla f' kull mument ta' ħajjitkom. B' mod speċjali llum, nberikkom bil-barka materna tiegħi ta' paċi, imħabba u għaqda f' qalbi u f' qalb Ibni Ġesu'. Grazzi talli weġibtu għas-sejħa tiegħi.
Għeżież uliedi! Jiena magħkom f' isem l-ikbar Imħabba, f' isem Alla l-għażiż, li ġie qrib tagħkom permezz ta' Ibni u wrikom il-vera mħabba. Nixtieq immexxikom fuq it-triq ta' Alla. Nixtieq ngħallimkom il-vera mħabba sabiex l-oħrajn ikunu jistgħu jarawha fikom, sabiex intom tarawha fl-oħrajn, sabiex intom tkunu aħwa għalihom u sabiex l-oħrajn jaraw fikom aħwa ħanina. Uliedi tibżgħux tiftħu qlubkom għalija. B' imħabba materna jiena nurikom x' qed nistenna minnkom, x' qed nistenna mill-appostli tiegħi. Imxu miegħi. Grazzi.
Mirjana qalet li l-Madonna bierket lil kull min kien preżenti u l-oġġetti reliġjużi li kellhom. Il-Madonna wkoll talbet biex isir talb għas-saċerdoti u qalet: "Nerġa' nenfasizza li jien se nittrijonfa magħhom."
Għeżież uliedi! Il-qalb materna tiegħi ssoffri tremendament waqt li nħares lejn uliedi, li b' persistenza jpoġġu quddiemhom dak li hu uman qabel dak li hu ta' Alla, lejn uliedi li b' dak kollu li hemm madwarhom u bis-sinjali kollha li jintbagħtulhom xorta waħda jaħsbu li jistgħu jimxu mingħajr Ibni. Ma jistgħux! Qed jimxu lejn it-telfien ta' dejjem. Huwa għal dan il-għan li qed niġborkom, intom li lesti li tiftħu qlubkom għalija, intom li lesti tkunu appostli ta' l-imħabba tiegħi, sabiex tgħinuni; ħalli billi tgħixu l-imħabba ta' Alla intom tistgħu tkunu eżempju għal dawk li ma jafuhiex. Jalla s-sawm u t-talb jgħinkom f' dan u nberikkom b' barka materna fl-isem tal-Missier u ta' l-Iben u ta' l-Ispirtu s-Santu. Grazzi.
Mirjana qalet li l-Madonna kienet qalbha sewda ħafna.
Għeżież uliedi! In-natura qegħedha tistenbaħ, u fuq is-sigar l-ewwel żagħar li għad iġibu fjuri u frott mill-isbaħ qed jibdew jidhru. Jiena nixtieq li intom ukoll tfal ċkejknin taħdmu fuq il-konverżjoni tagħkom u tkunu dawk li jixhdu b' ħajjithom sabiex l-eżempju tagħkom ikun sinjal u inċentiv għall-konverżjoni fl-oħrajn. Jiena magħkom u quddiem Ibni ninterċedi għall-konverżjoni tagħkom. Grazzi talli weġibtu għas-sejħa tiegħi.
Għeżież uliedi, qed tinġabru madwari, qed tfittxu triqitkom, qed tfittxu, tfittxu l-verita' iżda qed tinsew dak li hu l-iktar importanti, qed tinsew titolbu sewwa. Xuftejkom ilissnu ħafna kliem, iżda l-ispirtu tagħkom ma jħoss xejn. Waqt li tiġġerrew fid-dlam, saħansitra qed timmaġinaw lil Alla nnifsu skont ma taħsbu intom, u mhux kif inhu tassew f' imħabbtu. Għeżież uliedi, it-talb sew joħroġ mill-fond tal-qalb, mit-tbatija tagħkom, mill-ferħ tagħkom, filli tfittxu l-maħfra tad-dnubiet. Din hi l-mogħdija li permezz tagħha tgħarfu lil Alla l-veru, u permezz tagħha anke lilkom nfuskom, għax intom ġejtu maħluqa skont Hu. It-talb jwassalkom għat-twettiq tax-xewqa tiegħi, tal-missjoni tiegħi fostkom, għall-għaqda fil-familja ta' Alla. Grazzi.
Mirjana ma kienitx f' Medjugorje għad-dehra llum. Qaltilna li l-Madonna bierket lil kull min kien preżenti, irringrazzjathom u talbitna nitolbu għas-saċerdoti.
Għeżież uliedi! Illum ukoll ninsab magħkom u qed inħares lejkom u nberikkom u m' iniex se naqta' qalbi li din id-dinja għad tinbidel għat-tajjeb u li l-paċi ssaltan fi qlub il-bnedmin. L-hena se tibda ssaltan fid-dinja għaliex intom inftaħtu għas-sejħa tiegħi u għall-imħabba t' Alla. L-Ispirtu s-Santu qed jibdel lil dik il-multitudni ta' nies li qalu 'iva'. Għaldaqstant nixtieq ngħidilkom: Grazzi talli weġibtu għas-sejħa tiegħi.
Għeżież uliedi! Illum insejħilkom għall-għaqda f' Ibni Ġesu'. Il-qalb materna tiegħi titlob biex intom tifhmu li intom il-familja ta' Alla. Permezz tal-liberta' spiritwali tar-rieda, li l-Missier tas-sema takom, intom mitluba li tgħarfu l-verita', it-tajjeb jew il-ħażen. Jalla t-talb u s-sawm jiftħu qlubkom u jgħinukom tiskopru lill-Missier tas-Sema permezz ta' Ibni. Filli tiskopru lill-Missier, ħajjitkom tkun immexxiha filli twettqu r-rieda ta' Alla u fit-twaqqif tal-familja ta' Alla, fil-mod kif Ibni jixtieqha. Ma nħallikomx waħedkom fuq din il-mogħdija. Grazzi.
Matul id-dehra, Mirjana ħasset li setgħet jew kellha tgħid lill-Madonna, "Aħna lkoll ġejna għandek bit-tbatija u s-slaleb tagħna. B' ħerqa nitolbuk biex tgħinna." Bħala tweġiba, il-Madonna firxet idejha fuq Mirjana u fuq kull min kien preżenti u qalet:
Iftħu qlubkom għalija. Agħtuni t-tbatijiet tagħkom. L-Omm tgħin.
Għeżież uliedi! Illum Jien u Ibni nixtiequ nagħtukom abbundanza ta' hena u ferħ sabiex kul wieħed minnkom jista' ikun messaġġier ferħan u xhud tal-paċi u l-hena fil-postijiet fejn tgħixu. Tfal ċkejknin, kunu barka u kunu sliem. Grazzi talli weġibtu għas-sejħa tiegħi.
Fl-aħħar dehra ta' kuljum li Jakov kellu nhar it-12 ta' Settembru 1998, il-Madonna kienet qaltlu li minn issa 'l quddiem kien se jibda jkollu dehra waħda fis-sena, f' kull Milied. Hekk kien dan din is-sena wkoll. Id-dehra bdiet fis-2.25pm u damet seba' minuti.
Jakov qal, "Il-Madonna kelmitni fuq is-sigrieti u fl-aħħar qaltli: Itolbu, Itolbu Itolbu."
To compare Medjugorje messages with another language versions choose

 


Wap Home | Updates  | Medjugorje[EN]  | Messages  | News & Articles[EN]  | Videos[EN]  | Galery[EN]

Powered by www.medjugorje.ws